Għodwa b’differenza: l-iSpartans jallegraw l-anzjani fl-Imperial
Nofs ta’ nhar b’tiċrita fuq wiċċ aktar minn ħamsin anzjan residenti fl-Imperial care home f’Tas-Sliema hekk kif numru ta’ players mit-tim ta’ Ħamrun Spartans qattgħu l-ħin magħhom u ma’ għadd ta’ persuni li jieħdu ħsiebhom b’tant dedikazzjoni. Fost l-anzjani, numru ta’ dilettanti tal-logħba tal-ballun qasmu l-memorji favoriti tagħhom marbuta mal-futbol, filwaqt li oħrajn għoxew jaraw lill-plejers jaqsmu magħhom it-talent li għandhom bil-ballun.
Għal darb’oħra, l-iSpartans taw kontribut biex jixxerred ferħ u divertiment fost il-komunità. L-anzjani nġabru minn kmieni fis-Sala tal-Imperial – armata bl-aħmar u iswed għall-okkażjoni – biex jaraw mill-qrib uħud mill-aqwa ismijiet tal-futbol Malti, fosthom plejers tan-nazzjonal bħal Matthew Guillaumier u Ryan Camenzuli kif ukoll l-istilla Brażiljana Emerson Marcelina, kollha pedini fundamentali tal-mixja storika li Ħamrun kellhom fl-Ewropa aktar kmieni din is-sena. Uħud mir-residenti sabu l-kuraġġ li jingħaqdu mal-plejers u urewhom li kien għad fadlilhom x’joffru bil-ballun f’saqajhom – bi sħabhom iċapċpu entużasti b’dak li kienu qed jaraw.
Fl-aħħar tal-avveniment, il-plejers qasmu pjanta lir-residenti li ħadu sehem, flimkien ma’ flokk iffirmat minnhom stess. Dan filwaqt li sabu ħin jippużaw għal ritratti u selfies li tant kienux mixtieqha minn dawk preżenti għal din l-okkażjoni.
Din iż-żjara, li kienet appoġġjata minn Ħamrun Ħanin, l-entità li tieħu ħsieb l-aspett soċjali tal-klabb, tibni fuq il-ħidma tal-aħħar xhur biex l-iSpartans iżidu l-preżenza tagħhom fil-komunità, speċjalment fost l-aktar gruppi vulnerabbli tas-soċjetà, fejn qed ifittxu li jippromwovu valuri bħall-inklużjoni, diversità u attività fiżika.
No Comments